Li nitlef ħajti minħabba fik.
It-Tlettax-il Ħadd tas-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta. Miegħek xejn mhu mitluf, Mulej, lanqas it-telf ta’ ħajti għalik..... jew aħjar għalija stess. Ma naħsibx li tlumni, Mulej, li jien marbut tant ma’ ħajti niddefendiha b’kull mod nikkultivha b’tant għożża. Imma żgur tlumni jekk ma narax fil-bogħod jekk inħobbha b’mod żbaljat jekk ma narahiex bil-viżjoni tiegħek. Iva, Mulej, jien għandi vista qasira ħafna imċajpra sew imdennsa u limitata. Ma rrid inbati qatt. Ma rrid inbati xejn. Ma rrid inbati għall-ebda raġuni. Illum għandu importanza kbira wisq għalija. Għada min rah, Mulej? Il-problemi t’għada niffaċċjahom għada. Forsi ma jinqalgħux. U hekk, Mulej, jum wara jum inkun nibni futur fuq ir-ramel inkun noħlom illużjoni kbira inkun sibt riċetta biex nitlef ħafna; forsi kollox. Mulej, ma nippretendix li naf iżjed minnek. Għall-qawmien int ħallast il-prezz tal-passjoni. Għall-glorja ħallast il-prezz tad-disprezz. Għall-fidwa ħallast il-prezz ta’ l-umiljazzjoni. U rbaħt għalik u għalina, Mulej. Għamilt kisba kbira għal dejjem għal kulħadd. Mulej, jekk illum tistaqsini x’ irridek tagħmilli inwieġbek bla tlaqliq: li nitlef ħajti minħabba fik li nara fil-bogħod li ninvesti fis-sod. Jien irrid inħobbha ħajti, Mulej. Imma kif tifhem int kif ħabbejtha int kif ksibtha int bil-prezz b’kollox.